Aġġornament 2 – Aktar reazzjonijiet għall-manifest: “Nibnu mill-ġdid il-komunità fl-Ewropa” Manifest għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew – 25 ta’ Mejju 2019 Mill-Moviment ta’ Kana, Catholic Voices Malta u l-Kummissjoni għall-Ġustizzja u l-Paċi

 

David Stellini – PN

“Wara li xtarrejt fid-dettall il-proposti mressqa, b’wiċċi minn quddiem nagħti l-appoġġ u l-impenn tiegħi favur il-manifest elettorali mressaq mill-Moviment ta’ Kana u Catholic Voices. Filwaqt li nemmen fis-sovranità tal-liġi u r-rispett lejn kull reliġjon, inqis il-proposti mressqa minn dan il-moviment bħala mnebbħa minn prinċipji ta’ etika u morali u rispett lejn il-bniedem, li huma fil-bażi tat-twemmin politiku tiegħi.

Il-prinċipju tas-sussidarjetà, ir-rispett lejn l-ambjent li jdawwarna u r-rwol tal-familja bħala l-pern tas-soċjetà huma tliet aspetti fundamentali li għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-ħidma Ewropea.

L-Unjoni Ewropea wasslet għal bosta kisbiet kbar għaċ-ċittadini tagħha, iżda forsi fl-aħħar snin xi kultant iddevjat mill-għeruq tagħha. Nemmen li l-UE għandha terġa’ tfittex x’kienu dawk il-prinċipji li wasslu biex wara gwerra mdemmija bdiet proġett tant importanti u fejjiedi: prinċipji bħall-koeżjoni soċjali u l-ħidma biex ħadd ma jibqa’ lura. Hi din l-Unjoni Ewropea li rrid nara, u l-Unjoni Ewropea li se naħdem għaliha jekk inkun elett.

Dan hu għaliex lest nikkommetti ruħi li jekk niġi afdat mill-poplu Malti u Għawdxi, se nkun qed nara li dawn it-tnax-il prinċipju jkunu dejjem fl-isfond tal-ħidma tiegħi.

Roberta Metsola – PN

Grazzi tal-email tagħkom. Nixtieq nassigurakom napprova bis-sħiħ il-manifest u ser tkompli inkun iggwidata minn dawn il-valuri u prinċipji ġenerali f’kull deċiżjoni li nieħu, kif għamilt għal dawn l-aħħar snin.

Roselyn Borg Knight – PN

Grazzi talli qsamtu dan il-manifest miegħi.

Jiena qrajt il-manifest tagħkom u nagħti l-appoġġ sħiħ tiegħi għalih. Nieħu din l-opportunità biex nirringrazzjakom għax-xogħol tagħkom.

Robert Micallef – PL (kumment fuq Newsbook)

Il-manifest tal-għaqdiet Kattoliċi f’Malta ma rċevejtux izda għadni kif qrajtu issa. Niddikjara li naqbel mal-punti msemmija fil-manifest u se nkun qed navvanzahom fil-ħidma politika tieghi.

L-ewwel grupp ta’ reazzjonijiet

Numru ta’ Reazzjonijiet għall-manifest: “Nibnu mill-ġdid il-komunità fl-Ewropa” Manifest għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew – 25 ta’ Mejju 2019 Mill-Moviment ta’ Kana, Catholic Voices Malta u l-Kummissjoni għall-Ġustizzja u l-Paċi

Il-Manifest isibu hawn

Nibnu mill-ġdid il-komunità fl-Ewropa, Manifest għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew 25ta’ Mejju 2019

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *