Nibnu mill-ġdid il-komunità fl-Ewropa, Manifest għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew 25ta’ Mejju 2019

“Nibnu mill-ġdid il-komunità fl-Ewropa”
Manifest għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew     25 ta’ Mejju 2019

Ispirati mid-dikjarazzjoni tal-Isqfijiet Ewropej “Nibnu mill-ġdid il-komunità fl-Ewropa”, il-Moviment ta’ Kana, Catholic Voices Malta u l-Kummissjoni għall-Ġustizzja u l-Paċi qed jipproponu dan il-Manifest ta’ 12-il prinċipju gwida għal votanti Kattoliċi fl-għażla tal-kandidati ta’ preferenza tagħhom għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li ġejjin. Aħna nappellaw ukoll liċ-ċittadini biex jinvolvu ruħhom f’dan il-proċess politiku importanti u jużaw il-ħsieb profond tagħhom meta jivvutaw fl-elezzjoni Ewropea 2019.

L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew mhumiex elezzjonijiet lokali iżda elezzjoni Ewropeja. Mhux vot ta’ fiduċja fil-Partit fil-Gvern jew xi Partit fl-Oppożizzjoni. Il-vot tagħna se jmur għal kandidati individwali, partiti politiċi lokali iżda wkoll gruppi politiċi Ewropej li se jifformulaw il-valur, il-policies u l-azzjonijiet Ewropej.

Bħala ċittadini aħna mitluba nagħmlu dixxerniment dwar kif
•  il-kandidati li qed nivvutaw għalihom,
•  il-partit politiku lokali li se jirrappreżenaw, u
•  il-grupp politiku Ewropew li se jkunu parti minnu
fil-manifest elettorali tagħhom jirriflettu l-valuri u l-policies li nixtiequ naraw fil-bini tal-Unjoni Ewropea ta’ għada.

Aħna imħeġġin li ma naqgħux fit-tentazzjoni ta’ partiġjanniżmu insulari, jew li nivvuttaw biss għal partit mingħajr ma naħsbu fuq l-għażla tal-kandidat. Aħna neleġġu individwi li se jirrappreżentaw partiti, iżda aktar minn hekk, jirrappreżentaw lilna u l-valuri tagħna. Aħna għalhekk inħeġġu lill-votanti tagħna biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jistaqsu x’inhi l-pożizzjoni tal-kandidati fuq dawn it-12-il tema importanti li se jiddefinixxu l-impenn personali tagħhom fuq livell Ewropew la darba jiġu eletti.

Aħna għandna l-obbligu wkoll li nħarsu lejn il-manifest elettorali tal-Gruppi Parlamentari Ewropej rispettivi u niżnu l-għażliet tagħhom fil-konfront tal-valuri u l-policies li nixtiequ naraw jitwettqu.

L-Ewropa teħtieġ li terġa’ tiskopri l-identità komuni tagħha u tħares lill-persuni, familji u l-kulturi, speċjalment lill-fqar u dawk l-aktar vulnerabbli. Aħna neħtieġu MEPs li jippromwovu l-valuri li fuqhom twaqqfet l-UE u li jkunu impenjati lejn dinjità umana għal kulħadd, sussidjarjetà u impenn attiv taċ-ċittadini.

Il-familji u d-demografija jeħtieġ li jitpoġġew fiċ-ċentru tal-politika Ewropea, speċjalment familji żgħażagħ. Aħna neħtieġu MEPs li jippromwovu u jipproteġu l-ħajja mill-konċepiment sat-tmiem naturali tagħha, li jindirizzaw il-bżonnijiet tal-aktar persuni fqar u vulnerabbli, u li jaħdmu favur kultura ta’ ekoloġija integrali. Aħna rridu wkoll MEPs li jaħdmu favur sforz ġdid biex jinstabu soluzzjonijiet effettivi u komuni dwar il-migrazzjoni, l-ażil, l-integrazzjoni u d-demografija.

Dr. Arthur Galea Salamone President Moviment ta’ Kana, Tonio Fenech – Koordinatur Catholic Voices Malta u Daniel Darmanin President Kummissjoni għall-Ġustizzja u l-Paċi

 

Il-MANIFEST

“Nerġgħu nibnu l-komunità fl-Ewropa”
Manifest għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew     25 ta’ Mejju 2019

 

Jien inħaddan dawn il-prinċipji fundamentali li ġejjin li se jiggwidaw l-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet politiċi tiegħi la niġi elett fil-Parlament Ewropew.

Dinjità umana għal kulħadd

Id-dinjità umana hi xi ħaġa li ma tistax tittieħed. Kull persuna għandha valur inkondizzjonali, li jixraqlu rispett kbir u għandu jkun ħieles minn kull tip ta’ skjavitu’, manipulazzjoni u esplojtazzjoni. Jien se nippromwovi għażliet u policies li huma bbażati fuq ir-rispett totali tad-dinjità tal-bniedem.

Sussidjarjetà

L-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jieħdu passi attivi favur l-involviment personali u kollettiv taċ-ċittadini kollha f’djalogu ta’ vera, kreattiv u rispettuż u jagħmlu l-almu tagħhom biex ma jimponux deċiżjonijiet unilaterali.

Identità komuni

L-UE teħtieġ li terġa’ tiskopri l-valuri li kellha meta twaqqfet, l-identità komuni u l-valur tas-solidarjetà, hekk kif tfittex li terġa’ tagħti ħajja lir-rabtiet soċjali li jeżistu bejn u fost il-pajjiżi u l-popli. Jien se naħdem għal UE li tħares il-familji, dawk l-aktar vulnerabbli u l-kulturi.

Għaqda fid-diversità

L-għaqda fid-diversità timplika regoli komuni li jħarsu l-ħarsien leġittimu u l-promozzjoni tal-libertajiet permezz ta’ prattiċi demokratiċi li jsostnu l-kontabilità, it-trasparenza u implimentazzjoni xierqa tas-Saltna tad-Dritt.
Djalogu mal-Knejjes u l-komunitajiet reliġjużi
Skont l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFEU), jien se naħdem favur djalogu aktar profond mal-Knejjes u l-komunitajiet reliġjużi.

Familji żgħażagħ

Iż-żgħażagħ Ewropej għandhom ikollhom rashom mistrieħa u megħjuna biex ikunu f’kundizzjoni li jiffurmaw familja. Regoli u prattiċi favur il-familji għandhom ikunu żviluppati fqu livell tal-UE biex jakkumpanjaw l-iżvilupp integrali uman tal-persuni, familji u komunitajiet. Il-benesseri tal-familja umana hi marbuta ma’ Unjoni li taħdem favur ekonomija bbażata fuq is-suq soċjali. Il-familja għandha tkun il-punt tat-tluq li fuq bażi tiegħu għandhom jinħadmu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, biex ikun faċilitat il-ħin flimkien fost il-familja u biex jinħoloq bilanċ xieraq bejn il-familji u l-ħajja tax-xogħol.

Demografija

Id-demografija għandha terġa’ tikseb prominenza fil-politika tal-UE. It-tnaqqis fir-rati ta’ twelid fl-Ewropa għandha tkun indirizzata permezz ta’ inizjattivi konkreti li jibdlu l-andament attwali.

Id-dritt tal-ġenituri li jedukaw lill-uliedhom

Jien nikkommetti ruħi li niżgura li l-UE tipprovdi edukazzjoni xierqa għat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Fil-programmi kollha tagħha l-UE għandha tirrispetta u tippromwovi d-drittijiet tal-ġenituri li jedukaw lill-uliedhom f’konformità mat-tradizzjonijiet kulturali, morali u reliġjużi tagħhom, skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

Ir-rispett tal-Ħajja mill-konċepiment sat-tmiem naturali

Jien nikkommetti ruħi li nirrispetta d-dinjità ta’ kull persuna umana, fil-fażijiet kollha tagħha mill-konċepiment sal-mewta naturali. Jien se naħdem biex ninkoraġġixxi policies u l-aqwa prattiċi li jipprovdu attenzjoni speċjali għat-tfal, qabel u wara t-twelid, kif ukoll lill-ommijiet kif ukoll lill-familji adottivi jew dawk li jipprovdu foster care. Nikkometti ruħi li nopponi kull tentattivi ta’ leġislazzjoni Ewropea li timponi l-abort fuq xi Stat Membru jew pajjiżi oħra.

Migrazzjoni, ażil u integrazzjoni

Jien se naħdem favur sforz ġdid biex jinstabu soluzzjonijiet effettivi u komuni dwar il-migrazzjoni, l-ażil, l-integrazzjoni u d-demografija. L-integrazzjoni mhix biss għall-persuni li jidħlu fl-UE, iżda wkoll għall-ċittadini tal-UE li jmorru pajjiżi ieħor li mhux tagħhom. Filwaqt li għandhom japprezzaw t-tħassib mill-aspett ta’ sigurà tal-Istati Membri, dawn is-soluzzjonijiet m’għandhomx ikasbru r-rispett tad-Dinjità Umana. Jien se naħdem favur strateġija b’saħħitha u kreattiva biex jinstab bilanċ xieraq bejn il-ħarsien tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE, biex tiġi żgurata viabilità demografika u sostenbbiltà kulturali għall-Ewropea, filwaqt li niżguraw li l-migranti jkunu megħjuna u aċċettati.

Ekoloġija integrali

L-isfidi ambjentali u ekonomiċi ma jistgħux jinfirdu minn xulxin. Ir-raġuni għaliex l-ambjent sejjer lura mhix it-tkabbir tal-popolazzjoni iżda pjuttost il-konsumeriżmu eċċessiv u l-inġustizzji soċjali globali. Il-qerda tal-ambjent taffettwa bl-aktar mod negattiv lill-ifqar persuni. Bħala l-ħlejjaq li għandna r-responsabbiltà li nħarsu l-ħolqien ta’ Alla, aħna nikkommettu lilna nfusna li nippromwovu azzjonijiet li jpoġġu l-umanità u n-natura f’armonija. Jien se nistinka biex nikkontribwixxi għal politika Ewropea li tagħti għażla preferenzjali lill-fqar, solidarjetà lil dawk l-aktar vulnerabbli, il-ġid komuni u responsabbiltà interġenerazzjonali għall-ekoloġija tagħna.

Id-diġitalizazzjoni għas-servizz tal-poplu

Li nieħdu kontroll lura fuq ħajjitna quddiem ir-realtà tad-diġitalizazzjoni timplika deċiżjoni li jwasslu biex l-ekonomija u l-finanzi jservu aħjar lill-persuni, speċjalment l-aktar vulnerabbli. Id-diġitalizazzjoni għandha impatt fuq kulħadd u kull ma nafu (il-futur tax-xogħol, il-ħarsien tad-dejta personali, l-użu differenti tal-inteliġenza artifiċjali). Jien se naħdem favur il-ħolqien ta’ policies li jiżguraw li t-teknoloġiji emerġenti jħarsu ċ-ċentralità tal-persuna umana u biex dawn l-iżviluppi pożittivi jintużaw fi ħdan qafas etiku b’saħħtu.

One Reply to “Nibnu mill-ġdid il-komunità fl-Ewropa, Manifest għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew 25ta’ Mejju 2019”

  1. Grazzi tal-punti li qajjimtu f’dan il-manifest u tax-xogħol siwi li tagħmlu matul is-sena. Jiena qrajt il-manifest b’interess kbir u fih sibt valuri li nħaddan bis-sħiħ. Jiena nwegħdkom l-appoġġ tieghi fuq il-punti kollha li qajjimtu fil-manifest u li jibqgħu linji gwida għalija fid-diskussjoniet u n-negozjati li nkun involut fihom.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *